Stqarrija Għall-Istampa (B’Reazzjoni Għal Dak li Ntqal fil-Konfront tal-MPA Minn Sandro Camilleri fuq iNEWSMALTA.com)

  • Stqarrija Għall-Istampa (B’Reazzjoni Għal Dak li Ntqal fil-Konfront tal-MPA Minn Sandro Camilleri fuq iNEWSMALTA.com)

    Stqarrija Għall-Istampa (B’Reazzjoni Għal Dak li Ntqal fil-Konfront tal-MPA Minn Sandro Camilleri fuq iNEWSMALTA.com)

    B’reazzjoni għal dak li ntqal mill-President tal-POU-GWU, Sandro Camilleri, fuq iNEWSMALTA.COM, il-bieraħ 22 ta’ Frar 2016, L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) tiddikjara illi dan kien kollu skorrett. F’dan ir-rigward, l-MPA tixtieq tippreċiza illi:

    1. Ma jezisti l-ebda ftehim settorali għall-Korp tal-Pulizija. Li hemm huwa dokument datat 7 t’Awwissu 2012, imsejjaħ “Document Regulating the Conditions of Service for the Police Force”, liema dokument kien stabbilit mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern ta’ dak iz-zmien, liema dokument l-MPA qatt ma kienet parteċipi fih u l-anqas biss ikkonsultata.

    2. L-MPA qatt ma għamlet referenza għall-Kuntistabbli, Surġenti u Maġġuri, u dan għaliex qatt ma kien hemm dubju li dawn kienu ser jitħallsu tas-siegħat zejda li jaħdmu.

    3. It-talba li saret għas-siegħat zejda maħduma minn Spettur ‘il fuq ma kinetx għall-ħlas ta’ sahra izda t’Extra Duty, u dan peress illi s-servizz kien qiegħed jingħata lil terzi, f’dan il-kaz lit-Task Force responsabbli. Għaldaqstant, klawzola 5.5 tad-“Document Regulating the Conditions of Service for the Police Force” ma japplikax f’ dan ir-rigward.

    4. Mhux minnu illi qatt ma kien hemm ħsieb li dawn jitħallsu ta’ dawn is-siegħat zejda. Tant hu hekk illi wara li għaddew dawn iz-zewġ avvenimenti, kienu ġew kwantifikati l-ammonti dovuti. It-Task Force kienet ikkonfermat illi dawn l-ammonti ġew allokati. L-MPA għandha korrespondenza mal-partjiet konċernati bi prova ta’ dan.

    5. L-anqas huwa minnu illi l-Ispetturi qatt ma tħallsu tas-siegħat zejda kif qiegħed jgħid Sandro Camilleri. Fil-fatt fl-2015 stess, dawn kienu tħallsu tas-siegħat zejda li nħaddmu matul ir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa kif ukoll għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Għal dawn is-siegħat zejda, il-Kummissjoni Elettorali kienet għaddiet pagament t’Extra Duty, bħala l-entita’ li lilha ingħata dan is-servizz.

    6. Għall-kuntrarju kif qal (jew fehem) Sandro Camilleri, l-MPA iddikjarat li ser tibda tieħu l-azzjonijiet neċessarji b’ mod ġenerali u mhux b’relazzjoni diretta u limitata għal dan.

    Fid-dawl ta’ dan, l-MPA tistaqsi lill-Gvern għaliex kien hemm il-fondi allokati sabiex l-ispetturi u l-kumplament tal-fizzjali jitħallsu u dawn ma jridux iħallsu?

    L-MPA ma tisgħax tifhem għaliex Sandro Camilleri qiegħed kull darba joħrog jattakka lill-MPA biex jipprova jirreklama l-prodott tiegħu. F’kull stqarrija uffiċjali li joħrog fil-media aktar tistħajjel li qiegħed tara xi politiku fl-eqqel ta’ xi kampanja elettorali milli president ta’ union li qiegħdha hemm biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema membri tagħha.

    Ħafna drabi niġu mistoqsija għalfejn dan ma jiġix ribadut min naħa tagħna u r-risposta hija li bħala MPA nippreferu nutillizzaw l-energija tagħna biex naraw kif nistgħu ntejjbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li fihom jaħdmu l-membri tal-Korp. Nemmnu li dan huwa aktar ta’ ġid għall-membri tagħna milli jarawna ninfexxu f’ tgħajjir u akkuzi kontra l-POU-GWU li hija l-union l-kompetitriċi tagħna.

    L-MPA ma taqbel xejn mal-mod kif qed jimxi Sandro Camilleri, li bl-għaġir tiegħu, fil-waqt li jmur kontra kull etika, qiegħed jirredikola l-Korp tal-Pulizija kif ukoll inissel sens ta’ firda u rivalita’ bejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija.

    Kumitat Eżekuttiv
    Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta

    Comments are closed.