-
30
Sep
Vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija
30.09.2021
Il-Kumitat Ezekuttiv tal-Malta Police Union, b’dispjaċir jinnota li l-inċidenti vjolenti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija għadhom qegħdin iseħħu b’mod allarmanti f’pajjiz suppost ċivilizzat.
Il-Kumitat ifakkar fid-diversi stqarrijiet ghall-istampa li ħareg kif ukoll fid-diversi drabi fejn ħeġġeġ sabiex jiħraxu l-pieni sabiex jinkludu terminu ta’ priġunerija mandatorja għal min jinstab ħati ta’ reati simili, li huma reati kontra s-soċjeta.
L-MPU titlob emendi fil-Kapitolu Kriminali għaliex jidher li kif inhi s-sistema legali fil-prezent, mhix tiffunzjona sew għaliex dawn l-inċidenti qegħdin iseħħu iktar ta’ spiss, fuq raġunijiet sempliċi u qisu qatt ma gara xejn.
Il-membri tal-Korp qeghdin ikunu demotivati fuq xogħolhom għaliex iħossu li mhumiex protetti biżżejjed mill-Liġi. L-MPU tfakkar li membru tal-Korp m’ghandu l-ebda tip ta’ assikurazzjoni li tkoprieh għaliex it-talbiet li ilha tagħmel sa mill-2004 għadhom ma gewx milqugħa. Ma huwiez aċċettabli li sabiex membru tal-Korp, jieħu xi kumpens, irid jew imut jew inkella jsofri disabilita permanenti skond l-’Occupational Personal Accident Scheme’ li ħareġ il-Gvern biex ikun sar xi ħaga.
Il-Kumitat Ezekuttiv għal darb’ohra jħeġġeġ sabiex immedjatament il-Gvern jillegisla l-pieni iktar ħorox li jirriflettu l-gravita ta dawn il-kżzi. Infakkru li sakemm iż-żmien għaddej, membri tal-Korp, ta’ kuljum qegħdin jaffaċjaw ruħhom ma każi ta’ vjolenza kontrihom.
Ahna ma nħossux li l-membri tal-Korp tal-Pulizija, li huma ħaddiem bħal kulhadd, għandhom ta’ kuljum jissograw ħajjithom u ma jiġux protetti kif xieraq mill-awtoritajiet.
Il-Union issellem lill-uffiċjali kollha li ġew aggrediti waqt il-qadi tad-dmirijiethom, u tirringrazzjhom li minkejja kollox, jirritornaw għax-xogħol sabiex ikomplu jagħtu servizz liċ-ċittadin u l-pajjiż.
Kumitat Eżekuttiv