-
13
Feb
Stqarrija għall-Istampa (It-Taħriġ u l-Akkademja)
Ninsabu ngħixu f’dinja fejn l-edukazzjoni u t-taħriġ akkademiku jservu bħala wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom qed tinbeda s-soċjeta’ moderna. Tista’ tgħid li f’pajjizna stess, il-progress fis-sistema edukattiva wassal għat-twaqqif u ftuħ t’ istituti u kulleġġi fejn kull persuna, billi ssegwi kors imħejji u li jkun akkreditat minn awtorita’ kompetenti, tingħata l-opportunita’ li tipprepara ruħha b’mod adegwat sabiex tidħol fid-dinja tax-xogħol jew saħansitra tkompli tikber fil-karriera tagħha. Dawn l-opportunitajiet illum insibuhom tista’ tgħid f’kull qasam, izda sfortunatament ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa rigward tal-Pulizja.Ix-xogħol tal-Pulizija huwa wieħed bil-partikolaritajiet speċifiċi tiegħu. Għaldaqstant l-ebda kors jew taħriġ ezistenti fil-prezent ma jista’ jwassal sabiex jissodisfa l-kriterji tax-xogħol tal-Pulizija. Is-servizz tal-Pulizija huwa strumentali u ta’ mportanza kbira għat-tħaddim u t-tħaris ta’ soċjeta’ demokratika. Għalekk jixraq illi l-Akkademja tal-Pulizija tinbidel f’istitut professjonali u awtonomu. It-taħriġ u l-preparazzjoni ta’ dawk imħajjra jissieħbu jew saħansitra jkomplu jikbru fil-karriera tagħhom fi ħdan il-Korp għandu jkun wieħed akkreditat u jingħata minn professjonisti.L-Akkademja tal-Pulizija għandha jkollha kompetenza li tfassal korsijiet ta’ taħriġ li jissodisfa n-neċessitajiet u r-rekwiżiti ta’ l-irwol tal-Pulizija li jwassal għall-għoti ta’ servizz professjonali fuq l-istandards tal-ġurnata tal-lum.Sabiex dan iseħħ, hemm bżonn awtonomija kompleta fl-istruttura tal-Akkademja tal-Pulizija, fejn Direttur tal-Istudji u Bord Akkademiku, li jkunu ġew maħtura għal dan l-iskop, ifasslu Kors li jwassal sabiex wieħed ikun jista’ biss jissieħeb b’mod sħiħ mal-Korp wara li jkun ottjena Ċertifikat akkreditat. Tali kors jista’ jkun jinkludi kemm taħriġ akkademiku kif ukoll ezerċizzji prattiċi.Dan mhux biss ikun qed ipoġġi lill-membri tal-Korp fuq livell akkademiku rikonoxxut kemm f’Malta kif ukoll internazzjonalment, iżda wkoll ikun qiegħed jesponi u jħajjar lill-istess membri sabiex ikomplu jistudjaw matul ħajjithom u jersqu lejn edukazzjoni terzjarja skont il-politika nazzjonali ghall-edukazzjoni kontinwa.L-istess Akkademja, għandha tkun flessibbli biżżejjed sabiex tkompli tevolvi kontinwament, billi tirrispondi għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-Korp, fejn il-membri tal-Korp ikunu jistgħu jkomplu jitħarrġu f’oqsma ta’ nteress għalihom, liema taħriġ u otteniment ta’ tali ċertifikati, jibdew iservu sabiex persuna tilħaq il-prerekwiżiti li jikkwalifikawha biex jew timxi għall-sezzjonijiet speċjalizzati jew li titla ‘l fuq fil-karriera, mingħajr ma wieħed ikollu jistenna xhur jew saħansitra snin sabiex jimla post vakanti ta’ minn surġent ‘il fuq. L-Akkademja għandu jkollha l-fakulta’ li jekk ikun meħtieġ jew minħabba raġunijiet ta’ vijabilta’, tiftaħ saħansitra bibien biex wieħed jingħata taħriġ mogħti minn entitajiet oħrajn, kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna.L-MPA temmen illi din is-sistema għandha toħloq aktar awtonomija u ndipendenza fil-Korp. U dan għaliex il-Korp ma jibqgħalux il-kontroll assolut ta’ min ser jikkwalifika jew le għal ċertu posts minn kuntistabbli ‘l fuq, peress illi tkun l-Akkademja tal-Pulizija, bħala entita’ indipendenti u kompetenti, li tkun qiegħda tiċċertifika li persuna tkun laħqet il-prerekwiżiti neċessarji.L-MPA hija miftuħa għad-diskussjoni biex jibda proċess li jwassal għall-bidla sħiħa fil-Korp tal-Pulizja.Kumitat Eżekuttiv