Messaġġ tal-President tal-Union

  • Messaġġ tal-President tal-Union

    Messaġġ tal-President tal-Union

    Għeżież Membri u ħbieb,

    Ta’ kull sena, f’dan iż-żmien sabiħ tal-festi tal-Milied u l-bidu ta’ Sena ġdida, jien bħala President tal-Malta Police Union, inwasslilkhom dan il-messaġġ ta’ Awguri għas-sena l-ġdida, kif wkoll nagħti ħarsa lura tax-xogħol li jkun sar mill-Union matul is-sena li sejra tintemm.
    Is-Sena 2021, kienet għalija u għal sħabi, fil-Kumitat Eżekuttiv tal-MPU, waħda mill-aktar snin impenjattivi li qatt esperjenzajt matul l-erbatax il-sena li ilni nvolut fil-qasam trejdjunjonistiku.
    Kienet sena, li matulha konna impenjati ġurnata wara oħra matul is-sena kollha, minħabba l-fatt li ta’ kuljum kellna issues u policies ġodda li b’xi mod jew ieħor kienu jaffettwaw l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħna.

    Kienet sena fejn il-Kumitat Eżekuttiv iltaqa’ verament b’mod frekwenti sabiex jiddiskuti kull ċirkostanza li kellna, u flimkien fittixna l-aħjar soluzzjonijiet possibli. Mingħajr dubju, l-għan ewlieni tagħna kien dejjem li niddjalogaw b’mod ċivili sabiex nakkwistaw l-aqwa benefiċċji għalikom. Kien hemm diversi okkażjonijiet fejn wasalna għall- ftehim kordjali, iżda għalkemm dejjem fittixna t-triq tad-djalogu, kien hemm ħafna drabi oħra fejn sibna l-bibien jissabbtu f’wiċċna u ġejna njorati għal kollox. Mhux ta’ b’xejn li matul is-sena kellna kemm id-darba nirrikorru għal tilwima industrijali, waħda wara l-oħra, sabiex niksbu dak li kien tagħna bi dritt.

    Jiddispjaċini ngħid li matul is-sena 2021, spikka n-nuqqas serju ta’ konsultazzjoni magħna bħala r-rapprezentanti tal-ħaddiema. Huwa inutli li f’diskorsi pubbliċi ngħidu li nikkonsidraw lil Unions bħala sieħba stateġiċi meta fir-realta inkunu qeghħdin nikkonsidrawhom bħala ntopp u xkiel fil-ħidma ta’ kuljum. L-MPU hija mgħonija b’nies bi snin twal t’ esperjenza li bil-ħidma tagħhom flimkien mas-Shopstewards tagħna, qegħdin f’sitwazzjoni vantaġġuża sabiex niddefendu l-interessi tagħkom kontra l-kurrenti kontinwi li qed ixxeklu bis-sħiħ l-motivazzjoni u l-ħeġġa tal-membri tal-korp.

    Jiddispjaċini ngħid wkoll li s-sena 2021 ma kienetx sena faċli, anke mill-att personali, fejn flimkien ma mal-Viċi President tal-MPU, konna kkastigati għal darba darbtejn, minħabba l-ħidma tagħna fil-Union. Nemmen li madanakollu l-kontribut eċċelenti u effettiv tagħna u tal-Union matul is-sena kien wieħed notevoli u dan jixhduh l-mijiet kbar ta’ membri ġodda li komplew issaħħu l-ħidma tagħna. Dan kien bla dubju l-akbar rikonoxximent għal ħidma kontinwa tagħna.

    Is-sena 2021 kienet wkoll sena fejn il-MPU kompliet issaħħaħ l-istrutturi amministrattivi tagħha. Biddilna l-isem minn MPA għal dak ta’ MPU, bi branding ġdid u inovattiv, emendajna l-istatut tagħna sabiex ikun aġġornat għaż-żmenijiet tal-llum, kif ukoll ħtarna lil kumpanija professjonali ‘People at work’ bħala l-kunsulenti uffiċċjali tagħna. Dan kien pass aqli fid-direzzjoni ta’ professjonalita fil-qasam trejdjunjonista tagħna. Kellna wkoll l-elezzjonijiet għal ħatra ta’ Kumita Eżekuttiv ġdid u filwaqt li nirringrazzja lil membri tal-Kumitat preċedenti tal-ħidma sfieqa tagħhom, nawgura lit-team ġdid li kien elett sabiex immexxi lil MPU għal erbgħa snin li ġejjin. Nemmen li l-entuzjazmu u l-ħeġġa tal-membri attwali ser ikompli jagħti aktar kontribut u jkompli jsaħħaħ l-operat tal-Union. Kienet xewqa personali li fil-kumitat l-ġdid ikollna rappreżentanza mill-gżira Għawdxija, kif ukoll rappreżentanza femminili. Inħoss li l-kumitat l-ġdid huwa kompost mill-aqwa elementi u rappreżentanza denja u wiesa’ fil-korp u dan ser iwassal sabiex il-ħidma tagħna tkun aktar effettiva.

    X’qed nistenna fis-sena 2022?

    Mingħajr dubju, f’ħajti dejjem kont ottimist, u dejjem ittamajt għal ġejjieni aħjar, u għaldaqstant inħossni pożittiv li x-xogħol tagħna bħala Union ħa jkun aktar iffukat fuq il-ħtiġijiet u r-realtajiet ta’ kuljum, sabiex inkunu aktar qrib iċ-ċirkustanzi li jolqtu lil membri tagħna.
    Nittama li forsi min-naħa tal-ministeru u l-amministrazzjoni tal-Korp insibu aktar koperazzjoni, u nemmen li b’aktar konsultazzjoni u djalogu effettiv nistgħu naħdmu aktar qrib xulxin u naslu nsibu aktar soluzzjonijiet maturi.

    Lilkom membri msieħba fil-MPU, filwaqt li nirringrazzjakhom għas-sosten tagħkhom matul is-snin, nixtieq nassigurakhom li l-għażla tagħkhom li tkunu membri fil-MPU hija garanzija li l-Union ser tkun l-Vuċi tagħkhom f’kull aspett.

    Nixtieq nawgura l-isbaħ xewqat għal sena ġdida mimlija hena u prosperita, lil kollegi sħabi fil-Kumitat eżekuttiv, lis-Shopstewards, lil Konsulenti u l-avukati tal-Union li jgħinuna mhux ftit fil-ħidma tagħna, lilkom membri numeruzi flimkien mal-familji kollha tagħkom, kif ukll lil dawk kollha ta’ rieda tajba.

    Is-sena t-tajba lil kulħadd.

    Alexander Schembri
    President MPU.

    Comments are closed.