Stqarrija għall-Istampa (Ħlas Għall-Ħidma Waqt ic-CHOGM 2015 u l-Valletta Summit)

  • Stqarrija għall-Istampa (Ħlas Għall-Ħidma Waqt ic-CHOGM 2015 u l-Valletta Summit)

    Stqarrija għall-Istampa (Ħlas Għall-Ħidma Waqt ic-CHOGM 2015 u l-Valletta Summit)

    L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) tinsab ferm diżappuntata, illi minkejja l-aspettativi li kien hemm mill-fizzjali tal-Korp tal-Pulizija li dawn kienu ser jitħallsu tas-siegħat zejda li ħadmu matul iz-zewġ avvenimenti fuq livell nazzjonali, tac-CHOGM 2015 u tal-Valletta Summit 2015, dawn baqgħu ma tħallsux. Din l-istqarrija qed issir abbażi ta’ kull indikazzjoni li dejjem ingħatat kemm mill-Korp tal-Pulizija innifsu kif ukoll mit-“task force” illi dawn kienu ser jitħallsu tas-siegħat żejda li kienu ser jaħdmu, iżda issa li dawn l-avvenimenti għaddew, it-talba għal dan il- ħlas ġiet miċħuda mill-amministrazzjoni tal-Korp.

    L-MPA tippreċiza illi l-fizzjali ma jitħallsux tas-siegħat żejda li jkollom jaħdmu fix-xogħol taghhom ta’ kuljum, iżda jingħataw biss kumpens miżeru ta’ massimu ta’ 10% tas-salarju ta’ kull xahar. Minbarra dawn is-siegħat żejda li huma parti mir-rutina tax-xoghol, matul dawn l-avvenimenti kien hemm min saħansitra ħadem aktar minn 150 siegħa żejda, liema ammont jaqbeż il-75% tas-siegħat normali tax-xogħol f’xahar (ibbazata fuq 46 siegħa fil-ġimgħa).

    L-MPA għadha ma tistax tifhem kif minkejja li membri tat-“task force” ikkonfermaw magħha illi hemm fondi allokati speċifikatament sabiex il-fizzjali jitħallsu ta’ xogħolhom b’ “extra duty”, xorta waħda t-talba ġiet miċħuda mill-amministrazzjoni tal-Korp, u meta il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali ġie mistoqsi dwar dan, din baqgħet bla risposta.

    Huwa nkoċepibbli kif dawn l-affarijiet għadhom iseħħu fl-2016. L-MPA tħoss illi jkun ta’ inġurja għal dawn il-fizzjali li wettqu l-ħidma tagħhom b’tant ħila u dedikazzjoni lejn il-Korp tal-Pulizija u lejn pajjizhom, jekk dawn ma jitħallsux tax-xogħol li wettqu.

    L-MPA tħoss ukoll illi wasal iż-żmien li tibda tieħu l-passi neċessarji sabiex id-drittijiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija jiġu salvagwardjati. Il-Pulizija huwa ħaddiem bħal kull ħaddiem ieħor u għaldaqstant ħaqqu l-ħlas ta’ ħidmietu bħal kull ħaddiem ieħor. L-MPA qed titlob lill-amministrazzjoni kemm tal-Korp u kemm ċentrali sabiex id-drittijiet tal-ħaddiem naxxenti minn Direttivi Ewropej, bħal dik dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jibdew jiġu applikati bl-istess mod fuq il-membri tal-Korp ukoll, kif titlob id-direttiva stess. Jekk dan ser jiġi njorat, l-MPA qed twissi lill-awtoritajiet illi lesta tieħu dawk l-azzjonijiet kollha permessi fil-ligi.

    Kumitat Eżekuttiv
    Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta

    Comments are closed.