Kjarifika (L-Azzjoni tal-MPA u Allegazjonijiet Oħra)

  • Kjarifika (L-Azzjoni tal-MPA u Allegazjonijiet Oħra)

    Kjarifika (L-Azzjoni tal-MPA u Allegazjonijiet Oħra)

    L-MPA tħoss li hemm bżonn li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni, għax għaldarboħra azzjoni tal-MPA qed tiġi mminata. Rigward il-ħlas tal-Fond Ġenerali l-MPA li qed titlob huwa li ssir ġustizzja u kulħadd jitpoġġa fl-istess sitwazzjoni. Dan wara li minnkejja l-MPA kienet ilha xhur li kitbet lill-amministrazzjoni tal-Korp, is-sitwazzjoni baqgħet ma ġietx ekwilibrata.
    Rigward il-kwistjoni tar-rikonoxximent, kif diġa kien hemm diskuss informalment bejn xi esponenti tal-MPA u dawk tal-POU, l-interess primarju tal-MPA mhux li l-MPA tkun rikonoxxuta bħala l-unjin uffiċjali tal-Korp u teskludi lill-POU. Anzi, f’dawn il-laqgħat informali ħareġ ċar li l-aktar importanti għall-MPA hija li l-gvern ikun kostrett ipoġġi ma’ mejda u jinnegozja ftehim settorjali li jgawdi minnu kulħadd. Xi ħaġa li sal-lum għadha ma waslitx, u għaldaqstant id-dritt tas-sħubija m’unjin, sostanzjalment ftit li xejn ħalla frott siewi, u f’termini reali għadu mhux rikonoxxut. Fil-laqgħat informali kien ġie mifthiem li ssir laqgħa formali bejn l-unjins sabiex jaraw fejn jistgħu jaqbdu id f’id u jaħdmu għal ġid ta’ kulħadd. Kien wara dawn il-laqgħat li l-POU bagħtu imejl lill-MPA sabiex issir laqgħa formali. Iżda sfortunament, fl-istess ħin, il-President tal-POU kien ħareġ qatta bla ħabel pubblikament jattakka l-MPA u jagħmel bosta allegazzjonijiet fil-konfront tagħha (li nerġgħu ngħidu dan kien delegat tal-MPA) – xi ħaġa li l-MPA ma setgħet qatt taċċetta jekk id-direzzjoni kienet se tkun li ż-żewġ unjins jaħdmu flimkien. L-MPA m’aċċettatx il-fatt li l-esponenti tal-POU jippruvaw jiġġustifikaw dak li kien qed jiġri sempliċiment għax ‘nafu kif inhu l-karattru tiegħu’. Jekk qed jitkellem il-President f’isem unjin, ir-responsabbilta’ li l-iżbalji jiġu rettifikati taqa’ fuq il-kumitat kollu. L-istess għall-allegazzjoni oħra li l-MPA isiefru bil-familja. Dawn allegazzjonijiet li l-MPA tiċħad kategorikament u l-għan huwa biss biex iħammġu u jxekklu. Ma jistgħax ikun li nibqgħu nisparaw il-kliem bl-addoċċ, nixħtu t-tajn u ħadd ma jerfa’ responsabbilta’.
    Id-drabi li l-MPA irreferiet għall-POU kien dejjem b’reazzjoni u wara allegazzjonijiet kontinwi fil-konfront tagħha. Dan qatt ma kien l-istijl tal-MPA, iżda ċ-ċirkostanzi ma kinux jippermettu mod ieħor.
    L-MPA ħadmet bis-sħiħ għad-dritt tal-Pulizija li jissieħbu ma’ trejdjunjin, u dan l-isforz qed ingawdu minnu. Iżda qatt ma basret li stajna nispiċċaw f’din is-sitwazzjoni. L-MPA kienet u għadha temmen li fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa. Temmen ukoll illi kieku ż-żewġ unjins jingħaqdu tassew b’rieda tajba u sinċiera, flimkien kapaċi verament jagħmlu differenza kbira. Il-firda qatt m’għamlet ġid, anzi dgħajjfet. Dan żgur mhux li għandu bżonn il-Korp tal-Pulizija u l-Pulizija individwalment f’dan iż-żmien diffiċli li għaddej minnu.
    Iżda dan għandu jsir bir-rieda tajba ta’ kulħadd u mhux min-naħa waħda biss. Jekk il-POU lesta li tibda titratta lill-MPA b’rispett, l-MPA qed tagħmel stedina pubblika lill-POU biex tinbeda relazzjoni amikevoli bejn iż-żewġ unjins.

    Comments are closed.